It-Tango – Il-Lingwa tal-Passjoni

Artiklu li deher fil-Magazine Lokali Mużajk fis-26 ta’ Mejju 2013

Isla del Tango Street Tango during Notte Bianca 2011

Isla del Tango
Street Tango during Notte Bianca 2011

Ħafna jiddeskrivu it-tango Arġentin bħala univers fih innisfu li jkopri mużika, strumenti, żfin, kant u poeżija partikolari.

Natalie Debono hi żeffiena tat-tango, assistenta għalliema u d-direttriċi tal-iskola Isla del Tango flimkien mar-raġel tagħha Aldo Calleja.

It-Tango hi żifna li oriġinat madwar il-port ta’ Buenos Aires fl-Arġentina madwar is-snin 1870’s mill-ħaddiema tal-id.  F’dak iż-żmien kien hemm influss qawwi ta’ immigrazzjoni u t-tango hija mużika, kant u żfin b’influwenza tal-habañera Kubana, mużika folk Arġentina, il-candombe Afrikan u l-melodiji Taljani.  Fis-seklu 20 insibu li l-orkestra tat-tango kienet magħmula predominament mill-istrumenti bandoneón (tip ta’ accordion), vjolin, pjanu u baxx.  Bandoneón huwa l-istrument li ta lit-tango timbru uniku u definit u sar sinonimu ma’ l-espressjoni ta’ emozzjoni qawwija fit-tango.  Dak li nirreferu għalih bħala ż-żmien tad-deheb tat-tango huma s-snin erbgħinjiet fejn inkitbet u ġiet kantanta l-aqwa mużika minn orkestri memorabbli.  Din il-mużika għadha l-aktar mużika tat-tango li tindaqq illum u maħbuba minn ħafna żeffiena għall-profondità tagħha.

Ħafna jaħsbu li meta nitkellmu fuq il-passjoni fit-tango nkunu qed nirreferu għal passjoni fiżika bejn żewġ persuni li jkunu qed jiżfnu.  Hawn min juża dan il-kunċett biex jipprova jbigħ iż-żifna.  Jiena nħoss u naħseb li t-tango hija aktar u akbar minn hekk.  It-tango mhux sempliċiment esperjenza fiżika.  It-tango hu manifestazzjoni fiżika ta’ ħafna affarijiet, ħafna drabi li ma jkunux qed jidhru li jiġru waqt iż-żifna.  Il-passjoni li qed nitkellem fuqha hija il-passjoni li tgħix fil-mument.  Il-mużika, t-teknika u l-komunikazzjoni mall-persuna l-oħra tgħinek tesprimi l-ħsus tal-mument.  B’dan kollu tħoss li kull mument huwa prezzjuz u tgħixu fil-milja tiegħu.

Ħames snin ilu tħajjart nibda niżfen t-tango għaliex t-tango hija żifna profonda, soċjali u hi żifna li titgħallem għalik innifsek, mingħajr dipendenza fuq sieħeb fiss.  F’serata tat-tango li tissejjaħ milonga, kulħadd jiżfen ma’ persuni differenti u mhux bilfors irid ikollok sieħeb tiegħek fiss bħal żfin ieħor.  Dan il-fatt jagħti sens ta’ libertà lill-persuni għaliex mhumiex marbutin li jitgħallmu ż-żifna jekk is-sieħeb tagħhom ikun jew tkun tixtieq titgħallem ukoll.  Fit-tango wieħed jagħżel li jitgħallem l-irwol tal-leader(mexxej) jew tal-follower(dak li jsegwi (jew it-tnejn) u fil-milonga il-leader jistaqsi follower għal żifna.  Għażilt li nitgħallem it-tango għaliex hija żifna li ma tafx età jew tipi ta’ figuri.  Hija żifna li tibda titgħallem meta trid u tibqa’ tinżifen sakemm Alla jagħtik is-saħħa.  Meta niltaqgħu għal xi serata taż-żfin ma hemmx distinzjoni bejn kbar u żgħar iżda kulħadd jingħaqad taħt isem wieħed – żeffiena tat-tango.

Xi ħaġa li ġibditni għat-tango huwa l-fatt li din mhix żifna kompetittiva u lanqas tagħmel eżamijiet biex tilħaq xi livelli.  Kull persuna tfittex li titgħallem kif tixtieq hi u skont ħinha u l-enerġija tagħha.

Jien għażilt li nitgħallem it-tango għaliex hija lingwa.  Hija lingwa li wieħed jista’ jitgħallem lokalment u tmur fejn tmur fid-dinja ser issib fejn tista’ tiżfen it-tango Arġentin.  Mela bil-lingwa tat-tango nista’ nikkomunika ma’ żeffiena oħra ta’ pajjiżi u kulturi differenti mingħajr ma biss għandi bżonn ngħid kelma!

Nies ta’ diversi età jfittxu t-tango iżda tipikament jiġbed persuni bejn it-tletin u s-sebgħin sena.  Ir-raġuni hi li biex titgħallem din iż-żifna trid ċertu maturità u dedikazzjoni.  It-titjib fiż-żifna tarah u tħossu skont kemm tinvesti ħin u enerġija fit-tagħlim u fiż-żifna.  Għal dan kollu tajjeb li jkollok karattru pożittiv u ma taqtax qalbek.  Ir-rigal tal-investiment tiegħek huwa wieħed mill-isbaħ għaliex il-ferħ li tħoss meta taqsam żifna tajba ma tistax tiddeskrivih!  It-tango joħroġ in-nies minn qoxrithom u permezz ta’ din iż-żifna wieħed jista’ jitgħallem aktar kif jirrelata ma’ persuni oħra.

F’Malta, it-tango beda f’Malta fl-1997 minn grupp żgħir ta’ entużjasti taż-żfin li b’dedikazzjoni kbira waqqfu l-iskola Isla del Tango.  Taħt it-tmexxija tal-Maestro Eric Jorissen huma rnexxielhom jibdew moviment ta’ żeffiena tat-tango li baqa’ jikber minn sena għal sena.  Il-Maestro Eric Jorissen, wieħed mill-pijunieri tat-tango fl-Ewropa hu mgħallem direttament mill-Arġentini u għadu jgħallem l-essenzjal u r-ruħ tat-tango għaliex baqa’ fidil lejn il-kultura tat-tango ta’ Buenos Aires.  Il-Maestro għadu jżur Malta darbtejn fis-sena biex jagħti workshops tat-tango.  Fi żmien ħmistax-il sena numru żgħir ta’ Maltin tħarrġu fit-tagħlim tat-tango. Dawn flimkien ma’ gruppi li nibtu maż-żmien jiddedikaw ħin u enerġija biex issaħħu t-tango f’Malta.  Kulħadd flimkien jagħti sehem f’dik li aħna nirreferu għaliha b’ħafna għożża u kburija bħala ‘Il-Komunita’ tat-Tango”.

It-tango Arġentin huwa esperjenza mill-isbaħ li tibqa’ miegħek tul ħajtek.  It-tango hu stil ta’ ħajja li nirrakomanda lil kulħadd.  Tgħallem il-lingwa tal-passjoni għall-ħajja u tħoss lilek innifsek tinfetaħ għal affarijiet ġodda, pożittivi u sbieħ.

L-iskola Isla del Tango bħala l-fundatriċi tat-tango Arġentin f’Malta għadha rwol importanti li flimkien ma’ organizzazzjonijiet oħra lokali tibqa’ tara li t-tango u ż-żeffiena tat-tango jibqgħu jissaħħu f’Malta.  Għal dan il-għan, Isla del Tango toffri tagħlim minn għalliema Maltin u internazzjonali tat-tango fuq bażi regolari.  Min irid aktar tagħrif jista’ jagħmel dan permezz tas-sit elettroniku www.isladeltango.com, jibgħat email fuq info@isladeltango.com jew iċempel fuq in-numru 79603455.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s